L-applikazzjoni tar-regoli dwar il-lingwi fil-Kunsill Ewropew u fil-Kunsill
Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill japplikaw b'mod koerenti r- regoli dwar il-lingwi komuni għall-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
Fid-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill, ir-rappreżentati tal-Istati Membri (il-ministri fil-livell tal- Kunsill, il-kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern fil-livell tal-Kunsill Ewropew) jesprimu ruħhom fil-lingwa tagħhom, u l-komunikazzjoni orali plurilingwi tajba hi żgurata mill-interpreti tad- Direttorat Ġenerali għall-Interpretazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (li qabel kien l-iSCIC).
Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill jiddeliberaw abbażi ta' dokumenti li jintbagħtulhom fil-lingwi uffiċjali u ta' ħidma kollha. Il-verżjonijiet lingwistiċi kollha għandhom l-istess valur legali u politiku. L-atti legali adottati mill-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, kif ukoll it-Trattati u t-testi kollha ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, huma disponibbli mingħajr ħlas fil-lingwi kollha uffiċjali fid-database ta' informazzjoni interistituzzjonali Eur-Lex.
Fir-rigward tal-komunikazzjoni maċ-ċittadini, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill dejjem jieħdu ħsieb japplikaw il-prinċipju tal-plurilingwiżmu kemm jista' jkun. Skont it-Trattat, kull ċittadin tal-Unjoni jista' jikteb lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill - kif ukoll lil kull istituzzjoni jew korp tal-Unjoni - f'waħda mil-lingwi uffiċċjali u jirċievi tweġiba abbozzata fl-istess lingwa.
Madankollu, għal raġunijiet prattiċi, il-plurilingwiżmu tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill minn dejjem kellu xi limitazzjonijiet. Għall-komunikazzjoni interna fl-istituzzjonijiet, fejn il-funzjonarji kollha u persunal ieħor huma preżunti li jafu żewġ lingwi tal-Unjoni minbarra l-lingwa materna tagħhom, isir użu tal-lingwi l-aktar magħrufa; l-istess isir għall-ħidma li fiha jipparteċipaw esperti jew funzjonarji tal-Istati Membri, li ġeneralment jużaw ukoll mill-anqas lingwa barranija. Dawn il-limitazzjonijiet isiru kemm b'riżultat ta' konsiderazzjonijiet prattiċi, kif ukoll għal raġunijiet baġitarji, bil-għan li jiġu limitati l-ispejjeż tal-funzjonament.