Aħna nużaw il-cookies biex niżguraw li nagħtuk l-aħjar esperjenza ta' browsing fis-sit elettroniku tagħna. Sir af aktar dwar kif nużaw il-cookies u kif tista' tbiddel il-konfigurazzjoni tiegħek.

Aġenda tal-ħarifa mimlija għall-Kunsill tal-UE wara l-Kunsill Ewropew ta' Ġunju

Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew u d-dikjarazzjonijiet tas-Summit taż-Żona tal-Euro, il-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern jagħtu gwida lill-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill u korpi oħrajn dwar il-ħidma li trid issir. Il-kompiti quddiemna wara l-laqgħat tal-mexxejja fit-28 u d-29 ta' Ġunju 2012 ivarjaw mit-twaqqif rapidu ta' superviżur uniku għall-banek Ewropej sat-tlestija tan-negozjati dwar Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u l-implimentazzjoni tal-Patt il-ġdid għat-tkabbir u l-impjiegi.


Laqgħa tal-Kunsill
© Unjoni Ewropea, 2012

Il-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern iddeċidew dwar Patt għat-tkabbir u l-impjiegi, li jappella għal azzjoni fil-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro. Il-Kunsill ġie mitlub mill-mexxejja "biex jeżamina rapidament kif tistà titjieb il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet" sabiex tiġi żgurata l-adozzjoni f'waqtha tal-leġislazzjoni tal-UE koperta mill-Patt.

Pakkett leġislattiv maġġuri li jaqa' taħt il-Patt, u li qed jiġi nnegozjat bħalissa bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, jikkonsisti minn żewġ abbozzi ta' regolamenti mmirati biex isaħħu aktar il-governanza ekonomika fiż-żona tal-euro, magħrufa bħala two-pack. Il-mexxejja ddikjaraw, li dawn il-proposti "għandhom jiġu adottati bla dewmien".

Diġà twettqu xi kompiti importanti: ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi sabiex jiggwidaw il-linji politiċi u l-baġits tal-Istati Membri ġew maħruġa mill-Kunsill fl-10 ta' Lulju, wara l-approvazzjoni tagħhom mill-Kunsill Ewropew. L-adozzjoni tat-testi kkonkludiet l-eżeċizzju tal-koordinazzjoni tal-politika tas-Semestru Ewropew ta' din is-sena.

Kompiti oħra, bħall-finalizzazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-perijodu 2014-2020 ser jieħdu aktar fit-tul. Wara l-progress miksub matul il-Presidenza Daniża tal-Kunsill, din il-ħarifa n-negozjati qed jidħlu fil-fażi finali tagħhom. Il-mira hi li sal-aħħar tas-sena jintlaħaq qbil dwar l-istess QFP, segwit mill-adozzjoni rapida tat-testi leġislattivi rilevanti.

Fil-qasam tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni, il-Kunsill ser ikompli jaħdem fuq l-erba' proposti leġislattivi pendenti li huma meħtieġa biex titlesta s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, bil-ħsieb li jiġu adottati sal-aħħar tal-2012 kif mitlub mill-Kunsill Ewropew.

Fil-qasam tat-tkabbir tal-UE, in-negozjati dwar l-adeżjoni mal-Montenegro bdew immedjatament wara l-approvazzjoni finali mill-Kunsill Ewropew.

Fil-qasam finanzjarju, id-dikjarazzjoni tas-Summit taż-Żona tal-Euro tappella lill-Kunsill biex jikkunsidra il-proposti tal-Kummissjoni li ġejjin dwar mekkaniżmu superviżorju uniku tal-banek sal-aħħar tas-sena. Dan il-mekkaniżmu, immexxi mill-Bank Ċentrali Ewropew, jista' jagħmilha possibbli għall-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà li jinjetta kapital b'mod dirett fil-banek.

Dawn huma biss ftit eżempji tal-ħidma mistennija tal-Kunsill din il-ħarifa. Tistgħu issibu aktar informazzjoni dwar l-aġenda tal-Kunsill fil-programm ta' sitt xhur tal-Presidenza Ċiprijotta.

 

Aktar informazzjoni:
Konkluzjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 29 ta' Ġunju 2012 (test sħiħ pdf)
Dikjarazzjoni tas-Summit taż-Żona tal-Euro
, 29 ta' Ġunju 2012 (test sħiħ pdf)
Aġendi proviżorji għal-laqgħat tal-Kunsill
sal-aħħar tal-2012, 29 ta' Ġunju 2012 (pdf)
Sit web tal-Presidenza Ċiprijotta

Għina nitjiebu

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva    LE


X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?