Privattiva unitarja tal-UE – żvilupp storiku importanti


Helle Thorning-Schmidt, il-Prim Ministru
tad-Danimarka, fil-konferenza stampa
tad-29 ta' Ġunju 2012
 © Unjoni Ewropea

29/06/2012

Il-Kunsill Ewropew tad-29 ta' Ġunju kkonkluda n-negozjati dwar is-sistema tal-privattiva unitarja futura tal-UE. Id-deċiżjoni tant mistennija twitti t-triq biex tiġi stabbilita protezzjoni tal-privattiva irħas, aktar faċli u aktar effiċjenti għan-negozji, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, fl-UE.

"Wara tletin sena ta' negozjati, issa għandna qbil dwar il-privattiva Ewropea. In-negozji Ewropej issa ser jesperjenzaw – meta nkunu ffinalizzajnih – li minflok japplikaw għall-privattiva f'27 Stat Membru, issa jistgħu japplikaw f'post wieħed. U dak ser ikun ta' ġid għat-tkabbir u n-negozju fl-Ewropa", qalet il-Prim Ministru Daniża Helle Thorning-Schmidt.

Il-mexxejja kellhom isolvu l-aħħar kwistjoni pendenti: is-sede tad-Diviżjoni Ċentrali tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi. Huma qablu li ser tkun ibbażata f'Pariġi u ser ikollha żewġ taqsimiet speċjalizzati, waħda f'Londra u l-oħra fi Munich.

L-uffiċċju tal-President tal-Qorti wkoll ser ikun ibbażat f'Pariġi. L-ewwel President tal-Qorti għandu jiġi mill-Istat Membru li jospita d-Diviżjoni Ċentrali tal-Qorti.

Sistema unika ta' litigazzjoni dwar il-privattivi

Il-Qorti Unifikata tal-Privattivi ser ikollha kompetenza esklussiva rigward l-azzjonijiet relatati mal-validità jew il-ksur ta' privattiva unitarja Ewropea.

Dan ser jelimina r-riskju ta' ħafna kawżi ta' privattiva fi Stati Membri differenti dwar l-istess privattiva, kif ukoll ir-riskju li sentenzi tal-qorti dwar l-istess tilwima jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor.

Barra minn hekk, is-sistema unika ser tnaqqas l-ispejjeż ta' litigazzjoni dwar il-privattivi għan-negozji b'mod sinifikanti. Il-Kummissjoni Ewropea kkalkulat li, bil-qorti unika, l-ispejjeż ta' litigazzjoni mġarrba minn kumpanniji Ewropej jistgħu jitnaqqsu b'madwar EUR 289 miljun kull sena.

Validazzjoni simplifikata u reġim lingwistiku

Il-Qorti Unifikata tal-Privattivi hija parti mis-sistema ta' privattiva unitarja futura fl-UE. Iż-żewġ elementi l-oħra huma: regolament dwar il-privattiva unitarja nnifisha u regolament dwar arranġamenti ta' traduzzjoni għal dik il-privattiva. L-Istati Membri u l-Parlament Ewropew qablu dwar iż-żewġ regolamenti f'Diċembru 2011.

Il-privattiva unitarja futura tkun valida fl-Istati Membri parteċipanti kollha u tinkiseb b'applikazzjoni waħda. L-użu tal-lingwi għandu jieħu ispirazzjoni mis-sistema attwali ġestita mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, fejn il-lingwi ta' ħidma huma l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż, hu dan ser inaqqas l-ispejjeż għall-kisba ta' protezzjoni tal-privattivi.

Li tikseb privattiva li tkun valida fi 13-il Stat Membru llum tista' tiswa sa EUR 20 000, u madwar EUR 14 000 minn dik is-somma jintnefqu unikament għat-traduzzjonijiet. Meta mqabbla, tiswa madwar EUR 1 850 biex takkwista privattiva Amerikana.

Passi li jmiss

Il-Parlament Ewropew ser jivvota dwar il-"pakkett" ta' privattiva unitarja f'Lulju 2012. Il-Kunsill ser jadotta ż-żewġ regolamenti ftit wara.

L-Istati Membri ser jiffirmaw il-ftehim tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi fit-tieni nofs tal-2012. Wara li jkun ratifikat minn numru suffiċjenti ta' Stati Membri (tal-anqas 13), dan jidħol fis-seħħ. Dan mistenni li jseħħ bil-bidu tal-2014. Iż-żewġ regolamenti ser jidħlu fis-seħħ fl-istess żmien.

 

Aktar informazzjoni:
Konkluzjonijiet tal-Kunsill Ewropew (pdf)
Konferenza stampa (filmat)