30/05/2012
Fit-30 ta' Mejju, il-Kunsill qabel dwar l-elementi ewlenin tal-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u tal-Intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) (imsejjaħ COSME) li huwa mfassal biex jagħti spinta lill-ħolqien, it-tkabbir u l-Kompetittività ta' din il-kategorija ta' kumpanniji fl-UE kollha.
Id-dibattitu tal-lum ra qbil dwar il-kontenut tal-programm, filwaqt li l-baġit tiegħu ser jiġi deċiż fil-kuntest ta' negozjati li għaddejjin dwar il-qafas finanzjarju pluriennali futur tal-UE. L-abbozz ta' Regolament dwar il-COSME attwali jipprevedi baġit ta' 2.5 biljun euro għall-perijodu kollu.
Il-qbil jippermetti lill-Kunsill li jibda n-negozjati mal-Parlament Ewropew, li għandhom iwasslu għall-adozzjoni finali ta' dan il-programm ta' 7 snin (2014-2020) sal-2013.
"Dan huwa eżitu verament pożittiv għad-diskussjoni li kellna llum. (…) Jiena nemmen li dan ser jagħti spinta lill-SMEs u t-tkabbir inġenerali", qal Ole Sohn, Ministru Daniż tal-Kummerċ u t-Tkabbir, li ppresieda l-laqgħa.
Aċċess aħjar għall-finanzi
Fl-abbozz attwali tiegħu, il-programm COSME jinkludi żewġ strumenti finanzjarji: il-faċilità tal-ekwità u l-faċilità ta’ garanzija għas-self, it-tnejn imfasslin biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi.
L-ewwel waħda ser tipprovdi kapital ta' riskju għall-fażi ta' tkabbir ta' intrapriża, it-tieni waħda ser tkopri self ta' ċertu daqs għal kull tip ta' SME.
L-istrumenti ser jiġu amministrati mill-Fond Ewropew tal-Investiment f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri.
Appoġġ mhux finanzjarju għall-SMEs
Azzjonijiet oħra fil-programm huma maħsuba biex jagħtu spinta lill-kompetittività tal-SMEs u l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom, u biex irawmu kultura imprenditorjali fl-UE inġenerali, pereżempju, billi jipprovdu appoġġ lill-imprendituri żgħażagħ jew nisa.
L-objettivi tal-programmi jinkludu titjib fl-ambjent regolatorju, partikolarment tnaqqis fil-piż amministrattiv, l-għoti ta' servizzi ta' appoġġ għan-negozji bla ħlas (eż. permess tan-"Netwerk Ewropa għall-Intrapriża", punt uniku ta' servizz għall-SMEs) u assistenza offruta lil SMEs li jkunu qed ifittxu jespandu n-negozju tagħhom kemm fis-suq uniku u lil hinn.
Riżultati mistennija
Minbarra vantaġġi għall-SMEs, il-programm huwa mistenni jżid il-PDG tal-UE b'1.1 bijun euro u joħloq jew jissalvagwardja madwar 30,000 impjieg fis-sena.
COSME ser jestendi l-operat ta' għadd ta' attivitajiet ta' suċċess relatati mal-"Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni " attwali, li ser jiskadi fi tmiem l-2013.
Aktar informazzjoni:
Stqarrija għall-istampa
Konferenza Stampa (filmat)
Dibattitu tal-Kunsill (filmat)
Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u tal-SMEs (portal Europa)
Dokument tal-laqgħa tal-Kunsill (fil-lingwi kollha tal-UE) (pdf)