Ara l-kontenut
Abbonament bl-email
Donald Tusk jirrakkonta l-istorja personali tiegħu miż-żgħożija u l-għeruq fi Gdansk (il-Polonja) għall-elezzjoni tiegħu bħala President tal-Kunsill Ewropew

President tal-Kunsill Ewropew

Donald Tusk twieled fit-22 ta' April 1957 fi Gdańsk, il-Polonja. Missieru ħadem bħala mastrudaxxa fis-servizz ferrovjarju, ommu bħala segretarja fi sptar. Meta Tusk kellu 14-il sena, miet missieru.

Fl-1976, huwa beda jistudja l-istorja fl-Università ta’ Gdańsk, fejn kien involut f’attivitajiet illegali kontra r-reġim Komunista. Dak iż-żmien huwa kkoopera fost l-oħrajn ma' Trade Unions Ħielsa klandestini u ltaqa’ mal-mexxej futur tal-moviment Solidarjetà Lech Wałęsa.

Fl-1980 Donald Tusk waqqaf Assoċjazzjoni tal-Istudenti Indipendenti, NZS, li kienet parti mill-moviment 'Solidarjetà'. Huwa sar il-mexxej tal-moviment 'Solidarjetà' fuq il-post tax-xogħol tiegħu u ġurnalist ta' gazzetta ppubblikata mill-moviment 'Solidarjetà'.

Wara li f’Diċembru tal-1981 ġiet imposta l-liġi marzjali mill-Ġenerali Jaruzelski, huwa baqa’ moħbi għal xi żmien. Imbagħad ħadem bħala bejjiegħ tal-ħobż u aktar tard, bejn l-1984 u l-1989, huwa qala' l-għajxien tiegħu bħala ħaddiem manwali li jispeċjalizza f’xogħol fil-għoli bl-għajnuna ta’ tagħmir tat-tixbit.

Fl-istess ħin kien attivist fil-moviment klandestin 'Solidarjetà'. Wara li ġie arrestat għal żmien qasir, huwa kien meħlus wara amnestija għall-priġunieri politiċi mħabbra mill-Ġenerali Jaruzelski.

Fl-1983, Donald Tusk waqqaf 'Rivista Politika' illegali ta’ kull xahar, li xerrdet l-ideoloġija tal-liberaliżmu ekonomiku u r-regoli tad-demokrazija liberali. Grupp ta' riflessjoni informali li jappoġġa lil Lech Wałęsa kien iċċentrat madwar ir-rivista. Wara l-waqgħa tal-komuniżmu, il-membri tal-grupp ta’ riflessjoni magħrufa bħala l-'liberali ta' Gdańsk' ifformaw gvern wara l-ewwel elezzjonijiet presidenzjali ħielsa fil-Polonja.

Fl-istess ħin huma waqqfu l-ewwel partit favur in-negozju u favur l-Ewropa fil-Polonja, il-Kungress Demokratiku Liberali, b'Donald Tusk bħala l-mexxej tiegħu. Huwa kien ukoll responsabbli għad-demonopolizzazzjoni u l-privatizzazzjoni tal-azjenda tal-istampa tal-Istat komunista preċedenti.

Fid-disgħinijiet, Donald Tusk kien Membru tal-Parlament, fost l-oħrajn Speaker tas-Senat.

Fl-istess snin huwa ppubblika sensiela ta’ kotba dwar l-istorja ta’ Gdańsk, li wħud minnhom irriżultaw bestsellers.

Fl-2001, Donald Tusk kien wieħed mill-inizjaturi tal-partit ċentrista ġdid imsejjaħ il-Pjattaforma Ċivika u fl-2003 sar il-mexxej tiegħu.

Fl-2007, wara kampanja iebsa huwa għeleb lill-partit tal-lemin fil-gvern u sar Prim Ministru. Huwa kien fil-kariga għal seba’ snin, li għamluh l-aktar Prim Ministru li dam fil-gvern fil-Polonja demokratika, u l-ewwel wieħed li reġa' ġie elett.

Matul il-mandat tiegħu ta’ seba’ snin, il-Polonja kompliet iżżomm it-tkabbir ekonomiku, u fiż-żmien tal-kriżi l-ekonomija Pollakka kibret bi kważi 20%, prestazzjoni rekord fl-Ewropa.

Fl-2014, Donald Tusk ġie elett għall-kariga ta’ President tal-Kunsill Ewropew u fl-2017 ġie elett mill-ġdid għat-tieni mandat ta’ sentejn u nofs.