Ara l-kontenut
Abbonament bl-email

Politiki korporattivi

Protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE

Id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-regoli tas-sigurtà tkopri diversi modi kif din l-informazzjoni tiġi protetta.

Protezzjoni tad-data personali

Informazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-Kunsill u r-rwol tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

Ġestjoni ambjentali

Is-SĠK stabbilixxa programm ambjentali komprensiv biex inaqqas l-impatt ambjentali tiegħu

Multilingwiżmu

Il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew jaħdmu bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE

Trasparenza u aċċess għad-dokumenti

Iċ-ċittadini jistgħu jaraw is-sessjonijiet pubbliċi tal-Kunsill u jitolbu aċċess għad-dokumenti

Identità viżiva

L-identità viżiva tal-familja tal-Kunsill hi mibnija madwar logo komuni

Skont ir-regoli ta’ trasparenza kif stabbiliti fit-Trattat ta’ Lisbona, l-istituzzjonijiet tal-UE jaħdmu kemm jista’ jkun b’mod miftuħ u mill-qrib taċ-ċittadini. Il-ministri fil-Kunsill jilleġislaw pubblikament u ċ-ċittadini għandhom id-dritt li jitolbu aċċess għad-dokumenti tal-Kunsill.

Trasparenza leġislattiva

Il-ministri tal-UE jiltaqgħu pubblikament meta jiddiskutu jew jivvotaw dwar abbozzi ta' atti leġislattivi.

Il-Kunsill jiltaqa' wkoll pubblikament meta l-ministri jiddibattu dwar kwistjonijiet importanti li jaffettwaw l-UE u ċ-ċittadini tagħha jew meta jiddiskutu l-programm ta' ħidma tal-Kunsill, il-prijoritajiet tal-Presidenza tiegħu u l-programmi ta' ħidma u l-istrateġija politika tal-Kummissjoni.

Tista' ssegwi s-sessjonijiet pubbliċi tal-Kunsill fi trasmissjoni diretta bil-lingwi kollha tal-UE permezz tal-webcast tagħna. Tista' ssib u ssegwi wkoll sessjonijiet reġistrati.

Aġendi u l-kalendarju tal-laqgħat tal-Kunsill

Il-Kunsill jiltaqa' fi Brussell u fil-Lussemburgu (f'April, Ġunju u Ottubru). L-aġendi tal-laqgħat tal-Kunsill u tal-biċċa l-kbira tal-korpi preparatorji tiegħu huma pubbliċi.

Aġendi ta' laqgħat

Minuti u riżultati tal-votazzjoni

Meta laqgħa tal-Kunsill tkun pubblika, il-minuti tagħha jkunu pubbliċi wkoll u fihom tista' ssib il-voti dwar l-abbozzi tal-liġijiet, kif ukoll spjegazzjonijiet tal-voti u dikjarazzjonijiet li jkunu għamlu l-istati membri. Fil-minuti tista' ssib ukoll informazzjoni dwar dokumenti li jkunu qed jiġu diskussi u l-konklużjonijiet ewlenin li jkunu ntlaħqu mill-Kunsill.

Ir-riżultati tal-votazzjoni huma pubbliċi wkoll u tista' tara kif ikunu vvutaw il-pajjiżi individwali tal-UE.

Din l-informazzjoni tiġi ppubblikata wkoll f'sommarju ta' kull xahar tal-atti tal-Kunsill.

Aċċess għad-dokumenti

Ir-regolament 1049/2001 jipprevedi r-regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti. Regoli ta’ implimentazzjoni speċifiċi għall-Kunsill huma stabbiliti fl-anness II għar-regoli ta' proċedura tiegħu. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għad-dokumenti tal-Kunsill Ewropew.

Barra minn hekk, il-Kunsill jippubblika rapport annwali dwar l-applikazzjoni tar-Regolament 1049/2001.

Reġistru pubbliku tad-dokumenti tal-Kunsill

Għandek aċċess għad-dokumenti tal-Kunsill permezz tar-reġistru pubbliku. Dan fih il-kontenut u r-referenzi għad-dokumenti uffiċjali tal-Kunsill mill-1999 'il quddiem.

Data miftuħa

Mill-2015 ’l hawn, il-Kunsill tal-UE jipparteċipa fil-portal tad-data miftuħa tal-UE bi tliet settijiet ta’ data:

  • voti tal-Kunsill dwar atti leġislattivi
  • metadata tar-reġistru pubbliku tal-Kunsill
  • metadata tal-bażi ta’ data dwar talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti

Il-portal tad-data miftuħa tal-UE tnieda f’Diċembru 2012. Huwa punt uniku ta’ aċċess għal firxa dejjem tikber ta’ data mill-istituzzjonijiet tal-UE u korpi oħra tal-UE. Id-data hija aċċessibbli għalik b'xejn u tista’ terġa' tintuża għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali, dment li s-sors ikun rikonoxxut.

Il-portal tad-data miftuħa tal-UE għandu l-għan li jippromwovi l-użu innovattiv tad-data u jisfrutta l-potenzjal ekonomiku tagħha. Huwa għandu wkoll l-għan li jħeġġeġ it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE u korpi oħra tal-UE.

Arkivji

L-arkivji tal-Kunsill jiġbru u jipproċessaw id-dokumenti li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jipproduċi jew jirċievi waqt l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. L-arkivji ta' fajls magħluqin aktar minn 30 sena ilu huma aċċessibbli għall-pubbliku.

Id-dokumenti oriġinali jintbagħtu lill-arkivji storiċi tal-UE, maħżunin fl-Istitut Universitarju Ewropew ġewwa Firenze. Microfiches u/jew kopji elettroniċi tad-dokumenti jistgħu jiġu kkonsultati fl-arkivji tal-Kunsill fi Brussell.

Mistoqsijiet ġenerali

Mistoqsijiet ġenerali dwar l-organizzazzjoni, il-ħidma u l-attivitajiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill jistgħu jiġu indirizzati lis-servizz ta' informazzjoni għall-pubbliku. Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li dan is-servizz ma jistax jagħti pariri legali jew jikkummenta dwar kwistjonijiet speċifiċi.

Tista' tibgħat il-mistoqsija tiegħek bi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE.