Ara l-kontenut
Abbonament bl-email

L-istrateġija tas-suq uniku diġitali għandha l-għan li tiżgura li l-ekonomija, l-industrija u s-soċjetà Ewropea jieħdu vantaġġ sħiħ mill-era diġitali ġdida. Flimkien ma' soluzzjonijiet elettroniċi u data, u servizzi diġitali transkonfinali, hija parti integrali mill-proġett tal-UE għal Ewropa diġitali.

L-UE diġà bdiet toħloq suq uniku diġitali liberu u sigur fejn in-nies ikunu jistgħu jixtru online lil hinn mill-fruntieri u n-negozji jkunu jistgħu jbigħu online madwar l-UE.

Proposta mill-Kummissjoni Ewropea fl-2015, l-istrateġija tas-suq uniku diġitali stipulat il-pedamenti ta' soċjetà diġitali Ewropea magħquda u sostenibbli. Għadd ta' kisbiet importanti segwew fl-2016 u l-2017:

  • it-tmiem tat-tariffi tar-roaming
  • il-modernizzazzjoni tal-protezzjoni tad-data
  • il-portabbiltà transkonfinali ta' kontenut online
  • il-ftehim dwar l-għoti bla ħlas tal-internet f'postijiet pubbliċi

Għall-futur, din l-istrateġija tipprova tespandi aktar l-ekonomija diġitali tal-UE u tħott il-ħitan regolatorji bejn l-istati membri tal-UE.

L-UE fl-era diġitali ġdida

  • it-teknoloġija tista' diġà tawtomatizza 45% tal-kompiti mwettqa min-nies kuljum fuq ix-xogħol
  • 65% tat-tfal li jidħlu l-iskola bħalissa ser jaħdmu f'tipi ta' impjieg kompletament ġodda fil-futur

  • 7% biss tan-negozji żgħar u ta' daqs medju jbigħu online f'pajjiż ieħor tal-UE

  • it-tneħħija tal-ostakli ta' lokalizzazzjoni tad-data tagħti spinta annwali ta' €8 biljun lill-PDG tal-UE

Għalfejn għandna bżonnha?

It-trasformazzjoni teknoloġika taffettwa l-oqsma kollha tal-ħajja moderna, mill-edukazzjoni u l-impjiegi għas-sistema ta' għajnuna soċjali. Il-bidla diġà qed isseħħ, u b'pass mgħaġġel. Pereżempju, f'ċerti kategoriji ta' impjieg sa 90% tar-rwoli jeħtieġu ħiliet diġitali.

L-Ewropa teħtieġ li tilqa' dawn il-bidliet sabiex tipproteġi liċ-ċittadini tagħha kif ukoll biex tippermettilhom jaħtfu l-opportunitajiet ġodda. Pereżempju, id-diġitalizzazzjoni tal-manifattura hija stmata li ġġib lill-UE €1,25 triljun sal-2025.

L-UE trid issawwar il-futur diġitali madwar temi bħall-fiduċja, is-sigurtà u l-gvern elettroniku. Hemm ħafna lok għall-progress. Pereżempju, bħalissa 15% biss taċ-ċittadini jixtru online minn pajjiż ieħor.

Suq diġitali li jaħdem b'mod sħiħ jista' jżid sa €415 biljun fl-ekonomija tal-UE kull sena. Jista' jippermetti wkoll li l-UE ssir attur globali ewlieni fis-settur diġitali. Biex tisfrutta dan il-potenzjal, l-UE qed tagħmel riformi kbar, li jvarjaw minn qafas ġdid dwar id-drittijiet tal-awtur għal regolament dwar l-imblukkar ġeografiku.

2017

30 ta' Novembru

Portal diġitali uniku: il-Kunsill jaqbel li l-aċċess għal informazzjoni u servizzi jsir aktar faċli

Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar it-twaqqif ta' portal diġitali uniku li jipprovdi informazzjoni, proċeduri u assistenza online liċ-ċittadini u l-kumpaniji.

Din il-pożizzjoni - approċċ ġenerali - tippermetti l-bidu ta' negozjati mal-Parlament Ewropew.

Il-portal diġitali uniku ser jintegra diversi netwerks u servizzi li twaqqfu fil-livell nazzjonali u tal-UE biex jassistu liċ-ċittadini u lin-negozji fl-attivitajiet transfruntieri tagħhom. Dawn jinkludu: iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi, il-Pariri tal-Ewropa Tiegħek, SOLVIT, il-Helpdesk għad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali, Europe Direct u n-Netwerk Enterprise Europe.

Il-protezzjoni tal-konsumatur fl-era diġitali: il-Kunsill isaħħaħ il-kooperazzjoni madwar l-UE

Il-Kunsill adotta regolament biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-UE responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

Protezzjoni effettiva tal-konsumatur jeħtieġ li tirrispondi għall-isfidi tal-ekonomija diġitali u l-iżvilupp tal-kummerċ bl-imnut transfruntier fl-UE.

Huwa għalhekk li r-regolament il-ġdid għandu l-għan li jimmodernizza l-mekkaniżmi tal-kooperazzjoni biex tkompli titnaqqas il-ħsara kkawżata lill-konsumaturi minn ksur transfruntier tal-liġi tal-UE dwar il-konsumaturi.

Ir-regoli l-ġodda ser jgħinu biex tiżdied il-fiduċja fil-kummerċ elettroniku fost iċ-ċittadini u l-kumpaniji. Din ir-reviżjoni tal-qafas eżistenti tal-kooperazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur tagħti aktar setgħat lill-awtoritajiet nazzjonali, bħala parti mill-iżvilupp tas-suq uniku diġitali.

29 ta' Novembru

Imblukkar ġeografiku: L-ambaxxaturi għall-EU jikkonfermaw qbil għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ elettroniku

Il-presidenza Estonjana tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil dwar il-projbizzjoni tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat.

L-abbozz ta' regolament dwar l-imblukkar ġeografiku, li jeħtieġ jiġi adottat miż-żewġ istituzzjonijiet, għandu l-għan li jneħħi d-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, il-post tar-residenza u l-post tal-istabbiliment tal-konsumaturi.

L-imblukkar ġeografiku huwa prattika diskriminatorja li tipprevjeni lill-klijenti online milli jaċċessaw jew jixtru prodotti jew servizzi minn sit web ibbażat fi stat membru ieħor.

20 ta' Novembru

Il-Kunsill Affarijiet Ġenerali appella għat-tisħiħ taċ-ċibersigurtà Ewropea u t-titjib tar-reżiljenza informatika madwar l-UE. Dawn l-għanijiet huma konformi mal-prijoritajiet stabbiliti mill-Kunsill Ewropew f'Ottubru 2017.

Il-ministri enfasizzaw il-ħtieġa għall-pajjiżi kollha tal-UE li jagħmlu disponibbli r-riżorsi u l-investimenti meħtieġa biex jindirizzaw iċ-ċibersigurtà. Huma laqgħu wkoll serje ta' pjanijiet konkreti bħal:

  • it-twaqqif ta' netwerk ta' ċentri ta' kompetenza fiċ-ċibersigurtà madwar l-UE
  • l-introduzzjoni ta' qafas Ewropew għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà
  • l-għoti tal-għodda tal-infurzar tal-liġi sabiex tiġi indirizzata ċ-ċiberkriminalità
  • l-iżvilupp ta' rispons ikkoordinat għal inċidenti ċibernetiċi fuq skala kbira fil-livell tal-UE

Il-Kunsill enfasizza wkoll ir-rabta importanti bejn il-fiduċja fl-Ewropa diġitali u l-ksib tar-reżiljenza ċibernetika madwar l-UE.

25 ta' Ottubru

Infografika - Making e-signatures everyday practice

Pen and paper signatures are ready to fully go digital across the European Union Ara l-infografika sħiħa

Ċerimonja tal-firma elettronika: l-ewwel leġislazzjoni tal-UE ffirmata elettronikament

L-ewwel iffirmar elettroniku ta' att leġislattiv tal-UE sar fil-25 ta' Ottubru fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Il-President tal-PE Antonio Tajani u Matti Maasikas, tal-Presidenza Estonjana tal-Kunsill, iffirmaw b'mod elettroniku r-regolament rivedut dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass, biex b'hekk twittiet it-triq għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Din iċ-ċerimonja turi li l-istituzzjonijiet tal-UE qed jaħdmu flimkien sabiex it-trasformazzjoni diġitali ssir realtà. Turi l-impenn li għandha l-UE biex timplimenta l-"eIDAS”, ir-regolament għall-UE kollha li jipprevedi ambjent regolatorju prevedibbli sabiex ikunu jistgħu jsiru interazzjonijiet elettroniċi sikuri u mingħajr xkiel bejn in-negozji, iċ-ċittadini u l-awtoritajiet pubbliċi.

"Ninsab konvint li dan huwa l-mod kif aħna dalwaqt ser niffirmaw l-atti legali kollha tagħna, sempliċement għaliex jagħmel sens. Il-firma elettronika tiffranka l-karti, il-ħin u l-flus."

Matti Maasikas, Presidenza Estonjana tal-Kunsill

24 ta' Ottubru

Suq diġitali uniku: Prijoritajiet li fadal għall-2017

Il-Kunsill Telekomunikazzjoni impenja ruħu li jagħti spinta lill-ħidma dwar is-suq uniku diġitali tal-UE sabiex tiġi żgurata t-tlestija tal-istrateġija sal-aħħar tal-2018.

Bħala parti minn dan il-proċess, il-ministri stabbilixxew l-objettiv li jintlaħqu ftehimiet - sal-aħħar tal-2017 - dwar tliet inizjattivi importanti: l-imblukkar ġeografiku, il-media awdjoviżiva u l-konsenja ta' pakketti.

19 ta' Ottubru

Il-Kunsill stabbilixxa prijoritajiet għal Ewropa diġitali ta' suċċess

Il-Kunsill Ewropew enfasizza li huwa "lest jagħmel dak kollu meħtieġ biex l-Ewropa ssir diġitali", filwaqt li jibni fuq il-konklużjonijiet tas-Summit Diġitali ta' Tallinn tad-29 ta' Settembru.

Il-mexxejja eżaminaw kif l-UE tista' taħtaf l-opportunitajiet u tindirizza l-isfidi li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni. Huma qablu dwar serje ta' prijoritajiet bħal:

  • li l-gvernijiet u s-setturi pubbliċi jidħlu b'mod sħiħ fl-era diġitali
  • li titlesta l-istrateġija għal suq uniku diġitali sa tmiem l-2018
  • li jinbena netwerk ta' infrastruttura u komunikazzjoni tal-ogħla livell
  • li jiġi adottat approċċ komuni għaċ-ċibersigurtà
  • li jiżdiedu l-isforzi biex jiġu miġġielda t-terroriżmu u l-kriminalità online
  • li tinkiseb sistema ta' tassazzjoni effettiva u ġusta li tixraq lill-era diġitali.

9 ta' Ottubru

Il-Kunsill adotta l-iskema 'WiFi4EU' għal internet bla ħlas f'postijiet pubbliċi

Il-Kunsill ta l-approvazzjoni finali sabiex l-UE tisponsorja punti ta' aċċess għal internet mingħajr fili bla ħlas f'postijiet pubbliċi.

Taħt l-iskema ġdida, bl-isem WiFi4EU, portal multilingwi li huwa faċilment rikonoxxibbli ser jipprovdi aċċess għal konnessjoni sigura ta' veloċità għolja f'mill-inqas 6000 komunità lokali madwar l-UE sal-2020. Urve Palo, il-Ministru għall-Intraprenditorija u t-Teknoloġija tal-Informazzjoni tal-Estonja, qal:

"L-iskema WiFi4EU ser tagħmel aktar aċċessibbli internet ta' kwalità għolja għal ħafna ċittadini. Ser tagħti l-opportunità lill-muniċipalitajiet lokali, il-libreriji u korpi pubbliċi oħra biex jippromwovu s-servizzi diġitali tagħhom."

L-ewwel sejħa għal proġetti ser titnieda lejn tmiem is-sena jew kmieni fl-2018.

Il-finanzjament totali tal-UE għall-iskema jista' jilħaq €120 miljun sal-2019.

29 ta' Settembru

Punti ewlenin tas-Summit Diġitali tal-UE li sar fid-29 ta’ Settembru 2017, f’Tallinn, l-Estonja.

Is-Summit Diġitali ta' Tallinn: il-mexxejja tal-UE ffokaw fuq ir-"rivoluzzjoni diġitali"

Il-mexxejja tal-UE ltaqgħu fis-Summit Diġitali ta' Tallinn biex jiddiskutu t-triq ‘il quddiem biex jintlaħqu l-prijoritajiet stabbiliti mill-istrateġija għal suq uniku diġitali tal-UE.

Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk iddeskrivih bħala "avveniment ferm speċjali għall-futur tal-Ewropa”.

"Kellna dan is-summit għaliex l-Ewropa trid tuża l-opportunitajiet maħluqa minn avvanzi kbar, fl-oqsma kollha mir-robotika sal-intelliġenza artifiċjali. Jeħtieġ li nsawru b'mod attiv il-futur tagħna u nimmaniġġaw ir-riskji għas-soċjetajiet u d-demokraziji tagħna minħabba r-rivoluzzjoni diġitali."

Donald Tusk żied jgħid li d-diskussjonijiet ta' Tallinn ser jintużaw bħala bażi għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru.

22 ta' Ġunju

Il-mexxejja tal-UE jitolbu viżjoni diġitali "ambizzjuża"

Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza globali ta' viżjoni diġitali ambizzjuża għas-soċjetà u l-ekonomija tal-Ewropa. Fid-dawl tas-Summit Diġitali ta' Tallinn tad-29 ta' Settembru, il-mexxejja tal-UE appellaw għall-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija għal suq uniku diġitali:

"Jenħtieġ approċċ olistiku għal dak li hu diġitali biex jiġu ffaċċati l-isfidi tar-raba' rivoluzzjoni industrijali u jintużaw l-opportunitajiet li jirriżultaw minnha."

Il-mexxejja tal-UE laqgħu wkoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tagħmel rieżami tal-istrateġija taċ-ċibersigurtà u li tipproponi azzjoni ulterjuri qabel tmiem is-sena.

21 ta' Ġunju

Ir-riforma tal-kooperazzjoni madwar l-UE rigward il-ħarsien tal-konsumatur

Il-Presidenza Maltija laħqet qbil preliminari mal-Parlament Ewropew sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-UE dwar l-infurzar tal-liġijiet ta' protezzjoni tal-konsumatur.

“Il-fiduċja fil-kummerċ elettroniku miċ-ċittadini u l-kumpaniji hija kondizzjoni essenzjali biex is-suq uniku diġitali jsir aktar attraenti u dinamiku. Il-ħarsien tad-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi ser ikunu protetti aħjar.”

It-temi ewlenin involuti:

  • il-ġlieda kontra l-ksur transkonfinali - ir-reviżjoni tal-kooperazzjoni attwali għall-protezzjoni tal-konsumatur ser tagħti aktar setgħat lill-awtoritajiet nazzjonali
  • il-fiduċja tal-konsumatur fil-kummerċ elettroniku - l-awtoritajiet pubbliċi tal-infurzar għandhom iżidu l-armonizzazzjoni u jistabbilixxu kooperazzjoni effettiva
  • l-immodernizzar tal-ħarsien tal-konsumatur - il-proposta relatata tal-Kummissjoni ta' Mejju 2016 inkludiet riforma tal-konsenja transfruntiera tal-pakketti.

14 ta' Ġunju

It-tmiem tat-tariffi tar-roaming fl-UE: storja ta' suċċess

Mill-15 ta' Ġunju 2017, it-tariffi tar-roaming ma baqgħux japplikaw fl-Unjoni Ewropea. Din il-kisba ġiet deskritta bħala “tassew storja Ewropea ta' suċċess” f'dikjarazzjoni konġunta maħruġa mill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea.

“Minn issa ‘l quddiem, iċ-ċittadini li jivvjaġġaw fl-UE ser ikunu jistgħu iċemplu, jibagħtu test u jagħmlu kuntatt permezz tal-apparat mobbli tagħhom bl-istess prezz li jħallsu f'pajjiżhom. It-tneħħija tat-tariffi tar-roaming hija waħda mill-akbar u mill-aktar suċċessi tanġibbli tal-UE.

It-tmiem tat-tariffi tar-roaming huwa fil-qofol tas-Suq Uniku Diġitali tal-UE u huwa pass ieħor lejn il-bini ta' soċjetà diġitali Ewropea magħquda u sostenibbli, li tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tagħna.”

8 ta' Ġunju

Regoli ġodda dwar il-portabilità tas-servizzi diġitali

Il-Kunsill adotta regoli ġodda li jippermettu lill-konsumaturi li jkunu ħallsu għal servizzi tal-kontenut online f'pajjiżhom sabiex jaċċessawhom meta jżuru pajjiż ieħor fl-UE.

"Ewropej li jkunu qed jivvjaġġaw fl-UE mhux ser jibqgħu mċaħħda minn servizzi online bħal films, xandiriet sportivi, mużika, kotba-e jew logħob li jkunu ħallsu għalihom f'pajjiżhom. Flimkien mat-tmiem tat-tariffi tar-roaming, dan huwa progress importanti fil-ħolqien ta' suq uniku diġitali ta' benefiċċju għal kulħadd".

Ir-regoli l-ġodda ser japplikaw mill-1 ta' April 2018. Dawn ser jintroduċu d-dritt għal aċċess għall-abbonamenti minn barra l-pajjiż mingħajr ħlas żejjed.

29 ta' Mejju

WiFi4EU: Internet mingħajr ħlas f'postijiet pubbliċi

Il-Presidenza Maltija laħqet ftehim mal-Parlament Ewropew dwar skema sponsorjata mill-UE, "WiFi4EU", biex tippromwovi internet mingħajr ħlas fil-kunsilli lokali, sptarijiet, ġonna pubbliċi u f'postijiet pubbliċi oħra.

"WiFi4EU ser jagħmel l-internet b'veloċità għolja disponibbli għal ħafna ċittadini li mingħajru ma kienx ikollhom l-opportunità li jesperjenzaw konnettività ta' kwalità għolja."

Taħt l-iskema, muniċipalitajiet, libreriji, sptarijiet u korpi pubbliċi oħrajn ser ikunu jistgħu japplikaw għal finanzjament għall-installazzjoni ta' punti ta' aċċess lokali bla fili permezz ta' proċeduri amministrattivi sempliċi. Ser jiġu pprovduti għodod ta' finanzjament sempliċi, bħal kupuni, biex ikopru sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli. Il-korp pubbliku nnifsu ser ikun responsabbli għaż-żamma tal-konnessjoni għal mhux inqas minn tliet snin.

L-objettiv huwa li jintlaħaq qbil dwar il-baġit tal-iskema, u li l-ħidma teknika tiġi ffinalizzata fil-ħin sabiex l-iskema tkun daħlet fis-seħħ sa tmiem l-2017.

2016

28 ta' Novembru

Imblukkar ġeografiku: il-Kunsill ser ineħħi l-ostakli għall-kummerċ-e

Il-Kunsill Kompetittività qabel dwar abbozz ta' regolament biex jiġi pprojbit l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat bejn l-istati membri. L-għan ewlieni tal-proposta huwa li tipprevjeni d-diskriminazzjoni għall-konsumaturi jew il-kumpaniji fir-rigward tal-aċċess għall-prezzijiet, il-bejgħ jew il-kondizzjonijiet ta' pagament meta jinxtraw prodotti jew servizzi f'pajjiż ieħor tal-UE.

Ladarba l-Parlament Ewropew jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu, ser jibdew negozjati bejn il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni.

28 ta' Ġunju

Il-mexxejja tal-UE appellaw għal suq uniku diġitali "aktar approfondit"

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew appellaw lill-ministri biex jirrapportaw kull sena dwar il-progress fl-approfondiment tas-suq uniku, inkluż l-aġenda diġitali tiegħu, minn Ġunju 2017 'il quddiem.

Ir-rieżami ta' monitoraġġ li jmiss mill-mexxejja tal-UE huwa skedat għas-summit tal-UE f'Ġunju 2018.

24 ta' Mejju

Riforma tal-protezzjoni tad-data

Ir-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data daħal fis-seħħ u ser japplika mill-25 ta' Mejju 2018. Ir-regolament il-ġdid jipprovdi bażi legali speċifika għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxuta fit-Trattat tal-2009 ta' Lisbona bħala dritt fundamentali skont il-liġi tal-UE.

Ir-riforma tal-protezzjoni tad-data twieġeb għall-iżviluppi teknoloġiċi rapidi fil-fluss u l-qsim tad-data billi tistabbilixxi d-drittijiet, l-obbligi u r-regoli ta' konformità għal individwi u entitajiet involuti fl-ipproċessar ta' data.

Fil-5 ta' Mejju 2016, daħlet fis-seħħ ukoll id-direttiva dwar il-protezzjoni tad-data personali proċessata għall-iskop tal-infurzar tal-liġi kriminali. L-istati membri għandhom sas-6 ta' Mejju 2018 biex jittrasponu d-direttiva fil-liġi nazzjonali.

Din id-direttiva twieġeb ħtieġa dejjem tikber li l-awtoritajiet fl-istati membri jipproċessaw u jiskambjaw data bħala parti mill-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali u t-terroriżmu. Għaldaqstant għandha l-għan li tħares id-drittijiet tal-individwi filwaqt li tiggarantixxi livell għoli ta' sigurtà pubblika.

Dawn il-bidliet qed isiru bil-ħsieb li jiġu aġġornati r-regoli tad-direttiva tal-1995 dwar il-protezzjoni tad-data u d-deċiżjoni qafas tal-2008 dwar il-protezzjoni tad-data fil-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija.

2015

25 ta' Ġunju

Il-mexxejja tal-UE: Is-suq uniku diġitali jista' jsostni t-tkabbir inklużiv

Il-mexxejja tal-UE wrew l-appoġġ tagħhom għall-istrateġija għal suq uniku diġitali u qalu li għandha tintuża biex jiġi promoss tkabbir inklużiv f'kull reġjun tal-UE. Huma ħeġġew li tittieħed azzjoni biex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni tas-suq, tinbena l-infrastruttura diġitali meħtieġa u tiġi promossa d-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea.

Il-mexxejja tal-UE appellaw ukoll għal adozzjoni rapida ta' regoli ġodda dwar it-telekomunikazzjoni, iċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data.

11 ta' Ġunju

Il-ministri għat-telekomunikazzjoni appoġġaw l-ekonomija diġitali

Il-ministri għat-telekomunikazzjoni ddiskutew l-istrateġija għas-suq uniku diġitali f'laqgħa tal-Kunsill TTE fil-11 u t-12 ta' Ġunju 2015. Huma laqgħu l-objettivi tagħha u tennew l-importanza ta' ekonomija diġitalizzata li tippromwovi l-impjiegi u t-tkabbir u li ssaħħaħ il-kompetittività tal-UE.

Il-kwistjonijiet enfasizzati mill-ministri inkludew:

  • ir-rwol tad-diġitalizzazzjoni biex tistimula l-intraprenditorija u t-tkabbir tal-SMEs
  • il-ħtieġa li tissaħħaħ iċ-ċibersigurtà u li tinbena l-fiduċja fis-servizzi elettroniċi
  • il-ħtieġa ta' infrastruttura aħjar u ta' titjib fl-aċċess għall-broadband għaċ-ċittadini kollha
  • il-ħtieġa li l-prezzijiet għall-konsenji tal-pakketti jsiru aktar trasparenti fl-UE kollha

Il-ministri ssottolinjaw ukoll li għandu jkun hemm koordinazzjoni tajba fil-livell nazzjonali biex ikun żgurat li l-istrateġija tiġi implimentata b'mod effettiv.

28 ta' Mejju

Il-prijoritajiet għas-suq uniku diġitali

Il-ministri għall-kompetittività ssottolinjaw l-importanza ta' għadd ta' inizjattivi fl-ambitu tal-istrateġija għal suq uniku diġitali. Huma enfasizzaw ir-regoli adatti għall-ħtieġa tad-drittijiet tal-awtur, l-aġġornament tar-regoli tal-kummerċ elettroniku, u t-tisħiħ tal-fiduċja, l-għarfien u l-protezzjoni tal-konsumatur.

Il-ministri saħqu wkoll dwar il-bżonn ta' azzjoni biex jissaħħu l-ħiliet diġitali u r-regoli tal-protezzjoni tad-data.

Huma identifikaw sensiela ta' prijoritajiet:

  • li jinħolqu l-kondizzjonijiet adatti għan-negozji żgħar u ta' daqs medju, speċjalment in-negozji l-ġodda
  • li tiġi promossa d-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea
  • li tiġi applikata u estiża l-governanza elettronika fl-amministrazzjoni pubblika
  • li jiżdiedu l-investimenti fl-infrastruttura u n-netwerks diġitali
  • li jiġi vvalutat l-impatt tar-regoli fiskali fuq l-għodod diġitali
  • li jiġi kkunsidrat li kull leġislazzjoni ġdida tal-UE tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' 'awtomatikament diġitali'.

18 ta' Mejju

Suq uniku diġitali għall-Ewropa: aspetti awdjoviżivi

Il-ministri għall-kultura ddiskutew l-aspetti awdjoviżivi tal-istrateġija għal suq uniku diġitali. Huma appoġġaw il-portabbiltà transfruntiera tal-kontenut, il-ġlieda kontra l-kontenut illegali u l-ħtieġa li jinstab il-bilanċ adatt dwar id-drittijiet tal-awtur.

Il-ministri qablu li d-direttiva attwali dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva għandha tiġi adattata għall-bidliet teknoloġiċi. Dan ir-rieżami għandu:

  • jiggarantixxi l-libertà tal-media u l-promozzjoni tad-diversità kulturali
  • iżomm il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini (kull fornitur tas-servizzi tal-media awdjoviżiva jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' stat membru wieħed biss)
  • jissimplifika l-proċedura li jsegwu l-istati membri meta jkunu l-mira ta' kontenut mhux aċċettabbli li jkun ġej minn stat membru ieħor.